Pages

Thursday, April 12, 2012

Mikiel Anton Vassalli


Taf xejn min kien Mikiel Anton Vassalli?
Kien Malti bħalek li qatt ma ried iħalli
Lil martu f’idejn il-furbani,
lil artu f’idejn il-barrani,
għaliex kien Malti, tassew,
għaliex kien raġel, tassew,
għax kien iħobbhom, tassew.

Bil-lejl, bi nhar, jitħabat kien Vassalli,
Għax f’rasu kellu ħsieb li qatt ma jfalli,
jisbaħ jum illi l-Maltin,
ikunu ħielsa u magħqudin,
għal Malta isbaħ, tassew,
għal Malta ħielsa, tassew,
Malta Maltija, tassew.

Missirijietna qamu għal Vassalli,
għajjruh li kien ġakbin u kelli jħalli
l-art li ħabb u m’arfitux,
poplu lsier li fehmux,
għax kien imdawwal, tassew,
fost nies imdallma, tassew,
kien għadu kmieni, tassew.

Mas-slaten barranin, bla xejn mistħija,
Hu sostna l-jedd li Malta tkun Maltija,
u b’ilsienna ta’ Maltin,
riedna kollha magħqudin,
ħa nkunu poplu, tassew,
li jaħseb b’rasu, tassew,
li jfassal triqtu, tassew.

Illum għaddiet il-ħakma barranija,
ninsabu lkoll ħelsin f’Malta Maltija,
imma l-għaqda bejn xulxin,
għada nieqsa fil-Maltin,
għax għalkemm ħielsa, tassew,
m’aħniex magħquda, tassew,
m’aħniex Maltija, tassew.

Dal-lejl fil-ħolm iltqajt mal-kbir Vassalli,
li b’leħen ta’ ċanfir ġie fuqi w qalli,
“Għaliex għadkom mifrudin?
Ma tafux li sar il-ħin,
li tkunu ħielsa, tassew,
tkunu magħquda, tassew,
tkunu Maltija, tassew?

No comments:

Post a Comment